Fil-Jum Dinji tal-Edukazzjoni, il-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima, żar l-Iskola Sekondarja tal-Ħamrun, parti mill-Kulleġġ San Ġorġ Preca, fejn ra kif jitħaddem l-Alternative Learning Programme, magħruf bħala ALP.

Dan il-programm huwa mmirat għal studenti li jsibu diffikultà biex jitgħallmu fi strutturi tradizzjonali tal-iskola, u għalhekk jingħataw programm adattat permezz ta’ attivitajiet aktar prattiku biex ikunu jistgħu jiksbu ħiliet li eventwalment jgħinuhom fil-ħajja tagħhom.

Il-Ministru spjega kif il-programm ALP jara li l-istudenti jiksbu ħiliet li eventwalment jgħinuhom fil-ħajja tagħhom.

Qal, “Illum qed niċċelebraw kemm l-edukaturi imma anke l-istudenti. Dawk kollha li huma involuti fis-sistema edukattiva tagħna – sistema li qed narawha llum f’din l-iskola li qed toffri numru ta’ programmi sabiex tassigura li kull tifel u tifla jkollhom dak il-perkors edukattiv illi fl-aħħar tal-ġurnata jwassal biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.”

Intqal li dan il-programm isir waqt li l-istudenti identifikati għall-programm jibqgħu fl-iskola sekondarja tal-kulleġġ fejn jattendu. Tipikament, dawn l-istudenti jkunu f’iktar riskju li jkunu f’dak li jissejjaħ Early Leavers from Education and Training.

Il-Ministru sostna li l-Gvern qed jara li f’pajjiżna tingħata prijorità assoluta lill-edukazzjoni f’kull fażi tagħha; prijorità li qed tingħata permezz ta’ investiment bla preċedent f’dan is-settur u bid-dħul ta’ għadd ta’ riformi kif ukoll miżuri li minnhom qed jibbenefikaw mhux biss l-istudenti u l-familji tagħhom, imma wkoll l-edukaturi.

Minbarra l-lezzjonijiet, li huma iktar prattiċi, l-istudenti tal-ALP jkollhom ukoll sessjonijiet ma’ professjonisti oħra, fosthom youth workers u mentor. L-għan huwa li l-istudenti jingħataw l-opportunità li jibqgħu fis-sistema edukattiva.