L-iskola sekondarja ta’ San Ġorġ Preca l-Ħamrun kienet waħda mill-iskejjel li ħadet sehem f’inizjattiva bi tħejjija għall-miġja tal-Papa f’Malta. L-istudenti tagħna ħadu sehem billi ppreżentaw proġett bi tpinġijiet u kitbiet ta’ ittri u talb lill-Papa Franġisku. Minn dawn ġew magħżula xi talbiet li ġew saħansitra wkoll ippubblikati fil-ktieb li kien ippreżentat lill-Papa f’isem l-iskejjel ta’ pajjiżna waqt iż-żjara tiegħu fostna.

L-istudenti Semira Abela u Malik Grima kienu akkumpanjati mill-għalliema tar-Reliġjon tagħhom, is-Sa R. Gatt, f’laqgħa ġewwa Sta. Agata, fir-Rabat. Huma ppreżentaw ix-xogħol li għamlu l-istudenti tal-iskola tagħna lid-Delegat tal-Isqof, Dr N. Delicata. Waqt din l-esperjenza tant unika u sabiħa, uħud mill-istudenti preżenti qasmu l-esperjenzi tagħhom ma’ dawk ta’ skejjel oħra u komplew saħħew l-aspettattiva tagħhom għall-miġja tal-Papa.

Il-mument tant mistenni kien proprju waqt il-laqgħa tagħna mal-Papa ġewwa Pjazza San Ġorġ il-Belt Valletta fejn ittella’ programm ta’ talb, qsim ta’ esperjenzi, mużika u divertiment għaż-żgħażagħ. Għal darb’oħra kien hemm taħlita ta’ studenti flimkien mal-għalliema tagħhom minn diversi skejjel. Ilkoll b’entużjażmu kbir biex jilqgħu lill-Papa Franġisku fostna. Ma naqasx ukoll il-ġbid ta’ xi erba’ ritratti tal-okkażjoni!

L-isbaħ mument għal bosta kien meta ntlemaħ il-Papa fil-Pope mobile. L-għajat ta’ ‘Viva l-Papa’ u ‘Papa Franġisku’ ma naqasx. Il-ferħ fl-udjenza kien jinħass ġmielu b’mod speċjali xħin il-Papa qorob lejna u kien biss ftit metri ’l bogħod minnha. Għalkemm kien hemm żmien ta’ stennija sakemm il-Papa ħareġ fil-gallarija tal-palazz biex isellem liż-żgħażagħ, dan intesa xħin wieħed lemaħ dik it-tbissima ġenwina fuq wiċċu huwa u jagħti l-barka tiegħu.

Bla dubju kienet u se tibqa’ esperjenza memorabbli kemm għall-istudenti kif ukoll għall-għalliema kollha preżenti. Mument storiku li se jibqa’ mfakkar tul ħajjitna.

 

 

TESTIMONJANZI

L-esperjenza tal-laqgħa mal-Arċisqof ta’ Malta Sta. Agata fir-Rabat, kienet esperjenza mill-isbaħ. Kelli l-opportunità li niltaqa’ ma’ studenti minn skejjel oħra. Kont ħerqan li niltaqa’ mall-Arċisqof iżda sfortunatament ma setax ikun hemm. Ħadt pjaċir li kien hemm diskussjoni bejn l-istudenti u d-delegat tal-Arċisqof u mtlejt b’aktar ħeġġa u stennija għall-miġja tal-Papa fostna.

Malik Grima 10.01

Meta ġie l-Papa jiena kelli ċ-ċans li mmur narah ma xi studenti oħra tal-iskola. Mhix xi ħaġa ta’ kuljum li l-Papa jiġi Malta, allura meta offrewli aċċetajt mal-ewwel. Jiena stennejt li l-Papa sa joħroġ ġol-gallarijia tal-palazz tal-President u jitkellem, imma ma kienx kif ħsibt jiena. Fejn konna bilqiegħda kien hemm screen kbir fejn stajna naraw xandira diretta tal-Papa bħal fejn kien qiegħed, kif ukoll rajnih jitkellem mal-President ta’ Malta. Ma konnix l-unika skola, imma kien hemm kulleġġi oħra u studenti mal-għalliema tagħhom. Fl-aħħar il-Papa ħareġ fil-gallarija tal-Palazz tal-President u tana l-barka tiegħu. Kienet esperjenza sabiħa. M’hijiex ta’ kuljum li tara l-Papa f’Malta.

Kieran Camilleri 10.05

Nhar is-Sibt 2 ta’ April 2022, kienet ġurnata speċjali ħafna minħabba li esperjenzajt il-preżenza tal-Papa Franġisku fostna. Din kienet ħaġa unika ħafna għax irnexxieli nara u nisma’ l-kliem imbierek tal-Papa. Barra minn hekk ġew ħafna aktar nies importanti fosthom: il-Prim Ministru, il-President u l-Arċisqof ta’ Malta. Bis-saħħa ta’ din l-esperjenza rnexxieli anki nagħmel ħbieb ġodda. Ninsab grata li kelli din l-opportunità.

Emma Vella 10.01